Meta l-ħafna jkun ifisser ftit

L-ikel jidher li hu bla limitu u varjat bħal qatt qabel. Meta mmorru nixtru, l-għażla ta' kull tip ta' ikel donnha ma tispiċċax. Imma huwa minnu li l-ikel hu varjat daskemm jidher? Mhuwiex hekk. Tant hawn supermarkits li qed ikollhom bżonn provvista enormi tal-istess prodotti. Konsegwenza t'hekk huma qed jiffavorixxu ftit prodotti tar-raba' biex l-offertà tagħhom tkun uniformi, ikun jista' jinħażen sew u jkun faċli biex jinbiegħ. Is-supermarkits qegħdin ifaqqsu madwar id-dinja kollha, anke f'dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. U kollha kemm huma qed ibigħu l-istess prodotti. Għaldaqstant huwa minnu li hemm ħafna ikel ippakkeġġjat differenti, imma l-kontenut huwa l-istess! U dan xi jfisser għall-bijodiversità?

L-agrikultura: għadu jew ħabiba?

L-agrikultura għandha żewġ irwoli, skont kif tapplikaha. Fuq naħa qed tkun il-kaġun ewlieni tat-telf tal-bijodiversità, u fuq in-naħa l-oħra għandha rwol importanti fil-konservazzjoni tal-agrobijodiversità. Dan kif inhu possibbli? Kollox jiddependi mit-tip ta' agrikultura. Hemm agrikultura industrijalizzata, li għandha ħabta tmur għal ftit varjetajiet li, iżda, jipprovdu kwantità. Dawn il-ftit varjetajiet jitħawlu f'meded kbar għalihom waħedhom (monoculture) u għalhekk ma jgħinux lid-diversità. Hemm imbagħad l-agrikultura agroekoloġika li hija sostenibbli, tiflaħ ħafna u varjata, u għalhekk tgħin fil-konservazzjoni tal-bijodiversità. Imma għaliex il-bijodiversità hija daqshekk importanti?

Aktar ma jkollna, aħjar

Is-sistema ta' ikel li nagħżlu tħalli impatt dirett fuq x'tip ta' dinja, jew aħjar x'ġejjieni, se jkollna. Meta nitilfu d-diversità, se nitilfu wkoll saħħitna. Dak ifisser li se nkunu anqas kapaċi naddattaw għall-bidliet li jistgħu jseħħu minn ħin għall-ieħor. Waħda mill-akbar sfidi li qed inħabbtu wiċċna magħha hija t-tibdil fil-klima, li qed toħloq lid-dinja bidliet għal għarrieda, u qed tikkawża ħafna diżastri fil-klima bħalma huma uragani, għargħar u nixfa. It-tkabbir ta' prodott wieħed, mingħajr diversità, qiegħed f'riskju akbar li jinħakem minn bidliet, mard u pests. Irziezet li jiddiversifikaw għandhom ċans akbar biex jifilħu dan kollu.

Il-qoxra tal-art

It-tip ta' agrikultura li nużaw ma teffettwax biss lid-diversità, imma teffettwa wkoll xi ħaġa oħra li hija daqstant prezzjuża u li mingħajrha ma nistgħu nkabbru xejn. Tafu x'inhi? Qed nitkellmu dwar il-ħamrija li hija meqjusa bħala waħda mill-aktar riżorsi prezzjużi tad-dinja. Interessanti, hux? Il-ħamrija trid tkun b'saħħitha biex inkunu nistgħu nkabbru l-ikel tagħna. Barra minn hekk, il-ħamrija hija neċessarja biex tikkumbatti t-tibdil fil-klima għax tassorbi l-karbonju mill-arja u żżommu fiha. Iżda l-agrikultura industrijali kif qed issir bħalissa mhix qed tuża l-ħamrija kif suppost; qed tħassarha u għaldaqstant qed nitilfu din ir-riżorsa importanti b'passi mgħaġġla.

IS-SAFF TA' FUQ TAL-ĦAMRIJA
IS-SAFF TAĦT WIĊĊ IL-ĦAMRIJA
Weathered parent material
Minn fejn oriġinat il-ħamrija

Skopri, ġemma' u ħawwel!

Tiftakar meta ħarisna lejn l-agrikultura minn żewġ aspetti f'daqqa: li tista' ssalva l-bijodiversità jew li tista' theddidha? Aħna lkoll nistgħu nġibu 'l quddiem it-tip ta' agrikultura li ttejjeb il-bijodiversità aktar milli li teqridha. Kif? Jeżistu organizzazzjonijiet li jżommu varjetajiet antiki u tradizzjonali u jqassmuhom. Ara jirnexxilekx tiddobba ftit minnhom u ħawwilhom, jew agħtihom rigal lil xi ħadd - ikun rigal oriġinali! Meta tħawwel il-prodotti tradizzjonali tkun qed tgħin biex iżżomm il-bijodiversità. Tista' tkellem ukoll lil xi ħwienet lokali biex jibdew ibigħu varjetajiet tradizzjonali tal-pajjiż.

Kun bankier!

M'aħniex nitkellmu fuq bank tal-flus, imma xi ħaġa aktar eċċitanti: bank taż-żerriegħa! Tista' tagħmel il-bank taż-żerriegħa tiegħek l-iskola u tpartat jew iġġemma' varjetajiet antiki flimkien ma' sħabek tal-klassi. Hemm skejjel fis-Slovenja li fetħu bank taż-żerriegħa fejn it-tfal u l-ġenituri jpartu ż-żrieragħ. Mhuwiex diffiċli biex tibda - kulma trid huwa kaxxa, ftit tiżjin biex il-kaxxa tkun tidher attraenti, u mbagħad ibda iġbor iż-żrieragħ lokali tradizzjonali. Immarkahom biex tkun taf x'inhuma u mexxi l-kelma!

Sostenituri

European Year for Development
Czech Development Agency

Agħżel il-lingwa tiegħek