Il-fażola deheb

Fil-Bolivja, pajjiż tal-Amerika Latina, il-pajsaġġ qed jinbidel b'rata mgħaġġla. Fejn qabel kellek bdiewa li jiżirgħu u jkabbru l-patata, il-qargħa ħamra, il-qamħ u prodotti oħrajn, u jrabbu t-tiġieġ, il-ħnieżer u annimali oħrajn, issa baqa' biss għelieqi kbar bi prodott wieħed: is-sojja. Il-pajsaġġi li qabel kienu mimlijin ħajja u nies, issa m'għadekx tara ruħ fihom. Il-makkinarju ħadilhom posthom. Issa tara biss trakters kbar u kultant xi ajruplani biex jisprejjaw il-pestiċidi mis-sema. Imma għaliex hemm bżonn daqshekk sojja?

Pjantaġġuni infinita u steaks

Għal xiex qed tintuża din is-sojja kollha? Din is-sojja kollha għandha x'taqsam mal-konsum tal-laħam! Is-sojja tintuża bħala għalf lill-annimali. Il-Bolivja tibgħat il-fażola tas-sojja fl-Ewropa. L-UE hija l-akbar importatur tas-sojja biex titma' lill-annimali tal-irziezet. Fl-imgħoddi s-sojja ma kinitx importanti għall-għalf tal-annimali minħabba li l-annimali kienu jirgħu barra jew kienu jieklu l-fdalijiet tal-ikel tal-bniedem. Bil-mudell industrijali tat-trobbija tal-annimali kif inhu użat illum, l-annimali qed jinżammu ġewwa u jiġu mitmugħa direttament proteina mis-sojja flimkien mal-qamħirrun u l-foraġġ. Dawn il-postijiet insejħulhom fabbriki tal-irziezet. Għaldaqstant, aktar ma nieklu laħam mill-fabbriki tal-irziezet, aktar se tiżdied il-produzzjoni tas-sojja. Fil-fatt, l-UE, l-Amerika u pajjiżi oħra industrijalizzati għandhom l-ogħla rati ta' konsum tal-laħam fid-dinja. F'pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw, il-konsum tal-laħam qed jiżdied qatigħ, iżda għadu ferm anqas mill-konsum tagħna.

1963:
1983:
2013:
2050:

Ġojjell mhedded fl-Amerika Latina

Il-Bolivja, u magħha nistgħu nżidu wkoll il-Paragwaj, l-Arġentina u l-Brażil qed iżidu l-produzzjoni tas-sojja għall-fabbriki tal-irziezet li hemm fil-bqija tad-dinja. Dak ifisser li llum fil-Bolivja hemm anqas bdiewa tal-familja, anqas produzzjoni ta' ikel li jieklu n-nies ta' kuljum u aktar produzzjoni industrijali tas-sojja għall-esportazzjoni. Ġieli smajt b'Cerrado? Cerrado hija t-tieni l-akbar foresta fil-Brażil wara l-Foresta tal-Amażonja u li tkopri aktar minn 20% tal-pajjiż. Il-pjantaġġuni tas-sojja u t-tkabbir tal-annimali jeħtieġu meded kbar ta' art. L-art li kienet tintuża għall-biedja issa qed tintuża għat-tkabbir tas-sojja. Barra minnhekk qed jinħarqu foresti għal dan il-għan. Kemm il-Foresta tal-Amażonja kif ukoll Cerrado qed jiċkienu. U dawn qed iħallu impatt kbir fuq it-tibdil fil-klima minħabba li l-Amażonja tgħin kemm biex tirregola t-temp kif ukoll biex taħżen fiha ammonti kbar ta' CO2.

Amazon
Savana

Biex tifhem aħjar

Il-fabbriki tal-irziezet jistgħu jitpoġġew kullimkien. Mhumiex marbutin ma' xi biċċa art partikulari u jaħdmu bħalma taħdem fabbrika. Il-problema hija li meta tipproduċi l-għalf tal-annimali fuq naħa tal-pjaneta u tkabbar l-annimali fuq in-naħa l-oħra, iċ-ċiklu tant meħtieġ li jinstab fil-mudelli tal-irziezet tal-familja, jinkiser. Id-demel tal-annimali jintuża biex itejjeb il-kwalità tal-ħamrija biex tkun lesta għat-tkabbir tal-għalf li jmiss. U bil-metodu li semmejna dan ma jistax isir. Il-fabbriki tal-irziezet qed jikkawżaw telf ta' ħamrija u tniġġis fl-ilma tal-pjan. Il-produzzjoni tal-laħam teħtieġ kwantità kbira ta' ilma. Il-metodu tal-fabbriki tal-irziezet juża 15,500 litru ta' ilma biex jipproduċi kilo ċanga. Swimming pool mimlija ilma għal 4 stejks? Ammont kbir, hux! U jekk inħarsu lejn l-ikel li tiekol baqra f'ħajjitha: 1,300kg qamħ u 7,200kg foraġġ tinduna kemm trid ammont ta' ilma biex tkabbar dawk il-prodotti kollha! Mhumiex aħbarijiet sbieħ - allura x'nistgħu nagħmlu aħna?

Kun kreattiv fil-kċina!

Diġà nafu li bħala medja, il-pajjiżi għonja, aħna l-Ewropej inklużi, jieklu ħafna laħam. Kieku kull persuna fid-dinja kellha tikkopja l-livell ta' konsum tal-laħam li nieklu aħna, ma kienx ikun hawn biżżejjed art biex titma' lill-umanità. U dan ma jgħoddx biss għal-laħam. L-istess ħaġa nistgħu ngħidu għall-ħalib, bajd u prodotti oħra magħmulin mill-ħalib li ġejjin kollha mill-annimali tal-irziezet, bħall-ġobon. Għalhekk l-ewwel u l-eħfef ħaġa li rridu nagħmlu hi li niċċekkjaw kemm fil-fatt qegħdin nieħdu minn dawn il-prodotti u jekk nistgħux nieħdu oħrajn minflokhom. Kapaċi ssib riċetti li juruk kif issajjar mingħajr dawn il-prodotti? Hawnhekk tista' ssib ftit:
Fehma riċetti kreattivi

Aħjar u lokali

S'issa rajna kemm qed nieklu laħam u prodotti magħmulin mill-ħalib. Issa jmiss li naraw dawn il-prodotti minn fejn ikunu ġejjin. Il-produzzjoni tagħhom saret b'tali mod li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent? L-annimali kellhom iċ-ċans jirgħu barra? L-għalf tagħhom tkabbar lokalment minflok fl-Amerika Latina? Jekk inhu hekk, ma jkunx hemm għalfejn nittrasportaw is-sojja eluf ta' kilometri biex taqsam l-oċean għall-Ewropa, u l-impatt tal-produzzjoni tal-laħam ma jkunx daqshekk ta' piż fuq il-pjaneta tagħna.

Sostenituri

European Year for Development
Czech Development Agency

Agħżel il-lingwa tiegħek